03/11/2026
Il-Kampjonat MAPFRE jasal fil-qofol tiegħu bil-Finali tas-6 ta’ Novembru
Il-Malta Racing Club qed iħejji għat-tieni finali ta’ kampjonat minn wara l-waqfa tas-sajf, bil-Finali tal-Kampjonat MAPFRE għal żwiemel tal-klassi Silver. Il-finali ser tara dan il-kampjonat jasal fil-qofol tiegħu ġewwa il-kumpless sportive Malta Equidrome nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru fid-9:05pm.
Il-kampjonat ta’ din is-sena jimmarka pass importanti fir-relazzjoni fit-tul bejn MAPFRE u t-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta, hekk kif għall-ewwel darba din il-kumpanija tal-assigurazzjoni qed tagħti isimha lil kampjonat organizzat mill-Malta Racing Club.
Għal dan il-kampjonat ħadu sehem 76 żiemel tal-kategorija Silver, li kkompetew f’seba’ heats ta’ kwalifikazzjoni li saru fid-9 ta’ Ottubru. Minn dawn, 32 żiemel għaddew għat-tliet semifinali li saru nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Ottubru, biex finalment 12-il żiemel kisbu posthom fil-finali fejn se jkunu qed jikkompetu għar-rebħ ta’ dan it-titlu prestiġjuż. Il-pożizzjonijiet tat-tluq għall-finali ġew deċiżi waqt konferenza stampa li għaliha attendew rappreżentanti tal-kumpanija Mapfre u tal-organizzazzjonijiet involuti fl-isport.
F’isem MAPFRE, is-Sur Keith Tanti, Chief Operations Officer, esprima s-sodisfazzjon tal-kumpanija li qed tkompli ssaħħaħ ir-rabta tagħha mat-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta permezz tal-isponsorjar ta’ dan il-kampjonat. Huwa enfasizza l-impenn li MAPFRE ilha turi matul is-snin biex tappoġġja diversi attivitajiet sportivi fil-gżejjer Maltin, kif ukoll l-interess tal-kumpanija li żżomm u tkompli tiżviluppa r-relazzjoni tagħha mal-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Is-Sur Tanti temm billi awgura kull suċċess lis-sidien, lis-sewwieqa u lit-timijiet rispettivi tagħhom li se jkunu qed jieħdu sehem fil-finali.
Dr Matthew Brincat, Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome, laqa’ l-involviment ta’ MAPFRE bħala sponsor ewlieni ta’ dan il-kampjonat u rrikonoxxa l-importanza tal-appoġġ kontinwu minn kumpaniji stabbiliti għall-iżvilupp tat-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta. Huwa rrefera għall-ħidma kontinwa biex titjieb l-esperjenza tat-tiġrijiet fil-Malta Equidrome, kemm għal dawk direttament involuti fl-isport kif ukoll għall-pubbliku li jattendi għal-laqgħat tat-tiġrijiet. Dr Brincat esprima l-fiduċja tiegħu li din il-finali se toffri serata oħra ta’ tiġrijiet eċċitanti u kompetittivi.
Is-Sur Max Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, tenna l-impenn tal-organizzazzjoni li tkompli tappoġġja t-tkabbir u l-iżvilupp tat-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta. Huwa laqa’ l-involviment ta’ MAPFRE, filwaqt li saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sportivi u s-settur privat sabiex dan l-isport ikompli jissaħħaħ. Is-Sur Zammit irrikonoxxa wkoll l-isforzi kollettivi li qed isiru biex jiġi offrut programm ta’ tiġrijiet kompetittiv u attraenti għall-komunità lokali tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Il-Viċi President tal-Malta Racing Club, is-Sur Tony Demanuele, irringrazzja lil MAPFRE talli qed testendi r-relazzjoni fit-tul tagħha ma’ dan l-isport permezz tal-isponsorjar ta’ kampjonat. Huwa enfasizza l-parteċipazzjoni inkoraġġanti matul il-fażijiet ta’ kwalifikazzjoni u l-livell għoli ta’ kompetizzjoni li wassal għall-għażla tat-12-il finalist. Is-Sur Demanuele osserva li l-finali se tlaqqa’ flimkien taħlita interessanti ta’ żwiemel ta’ esperjenza ma’ oħrajn li għadhom relattivament ġodda fix-xena lokali u li fl-aħħar ġimgħat urew forma eċċellenti. Huwa esprima wkoll l-apprezzament tiegħu lejn is-sidien, it-trejners u s-sewwieqa, li bl-impenn tagħhom ikomplu jikkontribwixxu għas-suċċess tal-kampjonati organizzati mill-klabb.
Wara l-interventi tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet involuti, ittellgħet il-polza biex ġew determinati l-pożizzjonijiet tat-tluq tat-12-il finalist, biex b’hekk kollox jinsab lest għall-konfront tant mistenni tal-Ġimgħa filgħaxija.
Numru 1: Mr Zimmerman
Numru 2: Histrio
Numru 3: Genievre
Numru 4: Infinity of Joy
Numru 5: Iniesta Sport
Numru 6: Ice Dream Keruzoc
Numru 7: Hawk Speed
Numru 8: Indiana Buroise
Numru 9: Fast
Numru 10: Harry Challeonnais
Numru 11: Kamila des Monts
Numru 12: Sara J.E.
Il-Finali tal-Kampjonat MAPFRE Silver mistennija toffri konfront mill-aktar interessanti hekk kif it-12-il finalist se jkunu qed jissieltu għar-rebħ tat-titlu fil-Malta Equidrome nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru fid-9:05pm.